Tridu: L--Ewwel Jum
San Ġorġ Xempju Ta’ Spiritwalità: il-mixja tagħna wara Ġesù
Tridu – Ħal Qormi 2025
L-EWWEL JUM
0. L-GĦAN
L-għan ta’ dawn it-tlett ijiem huwa li ngħarblu kif San Ġorġ huwa xempju ta’ spiritwalità għalina biex jgħinna nifhmu aħjar il-Patrun tagħna u biex nikbru u nsaħħu l-mixja tagħna wara Ġesù.
1. KELMTEJN TA’ QABEL
Il-Papa Galatius I fis-snin 490s AD, b’referenza għal ġrajjet il-martirju ta’ San Ġorġ jgħidilna, it-tbatijiet ta’ San Ġorġ huma magħrufa aktar minn Alla milli mill-bnedmin.
Din it-twissija tfakkarna li aktar mill-ġrajja u t-tradizzjonijiet marbuta magħha, is-sinifikat ta’ dan il-qaddis jintrabat mal-mixja tiegħu wara Ġesù, l-għaliex kif għidilna l-poeta nazzjonali – Dun Karm Psaila – it-tifkira ta’ Ġorġi hija marbuta ma’ “Fidi sħiħa. Imħabba kbira, it-teżor li bih tbennejt.“
Dan il-ħsieb għandu jindirizzana meta nfakkru lil dan il-qaddis maħbub minn ħafna u għażiż għalina l-Qormin.
Fl-istess waqt, s-skiet huwa aħjar minn kliem fieragħ meta nfaħħru lil San Ġorġ kif jiġri meta ħajjitna ma tirriflettix il-qima li għandu dan il-qaddis għal Ġesù.
Għalkemm lil San Ġorġ kont smajt bih – jien trabbejt fid-dinja Anglosassona fejn San Ġorġ kien u għadu jiġi iċċelebrat – kien hawnhekk, f’Ħal Qormi, li jiena sirt naf lil San Ġorġ mill-qrib.
Niftakar, fl-ewwel darba tat-tberik il-Għid, f’kull dar iltqajt ma’ xbiha jew tifkira ta’ San Ġorġ: xi ħaġa li f’belti qatt ma rajtha.
Il-fatt li ħafna djar iġorru isem Ġorġi wkoll impressjonani, għax jesprimi kif dan il-qaddis jaħkem qlub il-Qormin.
Hawnhekk, nixtieq nirringrazjakom talli mhux biss ilqajtuni, imma għamiltuni wieħed minnkom fis-servizz saċerdotali: din ir-riflessjoni mhux biss tiġbor dak li għallimtuni, iżda hija wkoll ringrazjament. Grazzi!
I. IDENTITÀ
Lil hinn minn Belt Pinto, kif tixhed l-istess bandiera nazzjonali, San Ġorġ huwa integrat fl-identità tagħna l-Maltin għax ifakkarna fil-qlubija ta’ missierijietna u fl-istima tal-barrani bil-Gorg Cross muri fuq l-abjad ma’ ġemb l-aħmar li kif jurina l-poeta Rużar Briffa, tixhed ir-rebħa ta’ min jistqarr l-imħabba għal art twelidu.
Dan għandu jgħinna nifhmu, aħna u nsaħħu l-identità tagħna, li m’hemmx bżonn li nkasbru dik ta’ ħaddieħor u fl-istess waqt, kif jgħallimna l-Innu Nazzjonali, napprezzaw il-bżonn li nipproteġu lil xulxin minn dak kollu li jista’ jifridna biex tisseddaq l-għaqda fil-Maltin u s-sliem.
II. SINIFIKAT
Għalhekk, is-sinifikat ta’ San Ġorġ jixbah lill-baħar fejn ħafna ġrajjiet, bħal xmajjar mifruxa, jinġabru u jintilfu fil-bah fejn jaħkmu d-dlamijiet. Dan jista’ jgħamina għas-sbuħija ta’ dan il-qaddis.
Fl-istess ħin, dan jagħtina ħjiel tal-importanza ta’ San Ġorġ matul iż-żminijiet u f’kulturi differenti: mhux biss patrun ta’ ħafna ġnus, imma għandu ġens sħiħ li jismu għalih – Ġorġja li għalkemm ismu tnissel mill-Persjan tal-qedem, l-identità tiegħu hija indirizzata minn Ġorġi u hekk, kif ifakkarna l-poeta, “Fuq tjubitek, fuq għemilek tkellmu l-ibgħad żminijiet.”
L’identità ta’ Ġorġi u ta’ dawk li jonorawh hija mibnija għalhekk fuq spiritwalità indirizzata minn Ġesù mifhum bħala feddej li minnu San Ġorġ għamel l-għan ta’ ħajjtu. Din hija l-istedina ta’ San Ġorġ għalina.
III. SPIRTU EKUMENIKU
San Ġorġ huwa onorat kemm minn ħutna Ortodossi, kemm minn dawk Protestanti.
Dan il-fatt wassal biex diversi ordnijiet tal-kavallieri jġorru l-isem ta’ San Ġorġ. Fosthom hemm dak meqjus tal-Garder imwaqaf minn Edwardu III ta’ l-Ingilterra fit-23 ta’ April tas-sena 1348, li integra l-bandiera ta’ San Ġorġ: L-aħmar tas-salib u l-abjad, il-purezza tal-fidi.
Barra minn hekk, San Ġorġ huwa onorat fl-Islam u mid-Drużi.
Għalhekk, San Ġorġ jista’ jkun pont ta’ djalogu biex nifhmu aħjar lil xulxin f’dinja maħkuma minn qsim u mibegħda. Kif ifakkarna Ġiovanni XXIII, dak li jgħaqqadna huwa ferm akbar minn dak li jifredna.
III. RESPONSIBILITÀ AMBJENTALI
Kif jixhed ismu, Georgios (Γεώργιος) ħidma, u Ge (γῆ) art, b’refenza għall-persuna li taħdem l-art bħal bidwi, San Ġorġ jassoċja mall-ħarsien tal-ambjent u r-responsibilità li nħarsuh.
Għalhekk, tajjeb niftakru li spiritwalità Ġorġjana għanda tirrifletti din ir-responsibilità ambjentali mhux biss billi nħarsu dak li għandna – per eżempju Wied il-Kbir u Wied is-Sewda, imma nfittxu li nkabbru u nsaħħu din ir-responsibilità billi insebbħu l-ambjent li tiegħu nagħmlu parti.
Kif jgħidilna Papa Franġisku (Laudati Sì, 29-30,33,76), fil-ħolqien kull ħlejqa għanda dinjità partikulari għaliex tirrifletti l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem f’għaqda universali. Għalhekk, l-ispiritwalità għanda sservi biex niftħu għajnejna għall-preżenza ta’ Alla fl-ambjent u s-sbuħija tal-ħolqien.
IV. D-DINJITÀ TAX-XOGĦOL
San Josemaria Escrivá jwissina: Jew nitgħallmu nsibu lill-Mulej fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum jew inkella ma nsibuh qatt.
Il-ħajja ordinarja tagħna hija indirizzata mill-ħidma tad-dar u lil hinn minnha fix-xogħol.
F’din il-ħidma, n-nisrani huwa msejjaħ biex jiskopri t-tifsira u d-dinjità ta’ min hu maħluq fuq xbihet Alla (Ġen 1,27).
Għalhekk, ix-xogħol għandu dimensjoni spiritwali fejn wieħed jiskopri s-sbuħija u d-dinjità (Compendium, 270) personali li toffri lill-bniedem opportunità biex jirrealizza d-doni u x-xewqat li jgħinuh igħix ħajja mhux sottomessa għal abbuż jew sfruttament (Compendium, 271).
B’dan il-ħsieb, meta tkun imdawwar fix-xogħol, il-ħajja tar-ruħ tiegħek titjieb, u ssir aktar uman għax teħles minn dak l-ispirtu ta’ kritika żejda li jikkunsmak.
Dan għandu jgħinna nifhmu kif San Ġorġ, li ismu jintegra l-ħidma, jistedinna nipprofondixxu spiritwalità indirizzata mid-dinjità tax-xogħol bħala tweġiba għall-istqarrija tal-fidi.
Għalhekk, San Pawl jgħidilna: “Fittxu li tgħixu fil-kwiet, kulħadd jagħmel li għandu jagħmel u taħdmu b'idejkom, kif ġa għednielkom. Hekk intom timxu kif jixraq quddiem il-barranin, u ma jkollkom bżonn ħadd.” (1Tess 4,11-12)
V. ĦABBAR
San Ġorġ jistedinna niftħu moħħna biex nifhmu kliem San Pawl fl-azzjoni u mhux biss fix-xewqa. Faċli, kif jgħidilna Platone il-filosofu grieg tal-qedem, nagħlqu lilna nfusna f’għar mudlam u naħsbu li d-dellijiet li jaħkmu il-bokka tal-għar huma s-somma tar-realtà.
Jew noħolqu akkwarju li minnu nagħmlu baħar maħkum mit-tentazzjoni ta’ interessi partikulari jew identità esklussiva u ninjoraw is-sejħa tagħna bħala kommunità nisranija li xogħolna hu li nħabbru lil Ġesù.
San Ġorġ, onorat minn ħafna, jgħallimna, fi kliem Bonhoeffer (teologu magħruf maqtul minn Nażiżti ftit qabel il-waqfien tal-gwerra), li l-fidi xxandar il-valur infinit ta’ dak li naħsbu bla valur u fl-istess waqt, tiftħilna għajnejna għal dak li m’għandu l-ebda valur: l-abilità li tagħraf id-differenza jiddistingwi n-nisrani li fis-salib ta’ Kristu jagħraf il-valur infinit ta’ ħajtu.
VI. IS-SEJĦA
Għalhekk, meta Ġesù jsejjaħ persuna biex timxi warajh, jistedinha biex tiġi u tmut l-għaliex “jekk aħna mitna ma' Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma' Kristu.” (Rum 6,8)
Biex nifhmu din l-istqarrija hemm bżonn nifhmu kliem Ġesù: “Għax x'jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?” (Mk 8,36)
Għalhekk, “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jsebħu lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mt 5,16)
Dan huwa San Ġorġ li fis-skiet tal-martirju jurina kif inħabbru lil Ġesù.
VII. SAN MIKIEL
San Mikiel, figura oħra b’rabta ma’ Ħal Qormi, għandu post f’dawn il-ġrajjiet Ġorġjani: darbtejn l-Arkanġlu jqajjmu mill-mewt.
Fl-ikonografija ta’ San Ġorġ u ta’ San Mikiel, id-dragun – simbolu tax-xitan misluf minn Ktieb l-Apokalissi (Rev 12) – u l-lanza, għandhom importanza li aktar ’il quddiem nagħmlu referenza għalihom.
Ir-rabta bejn San Mikiel u San Ġorġ mhux biss hija fix-xebh ikonografiku, imma wkoll fil-ġrajjiet u kif ir-rabta ta’ dawn il-ġrajjiet indirizzat l-għarfien tagħna matul iż-żminijiet.
Id-devozzjoni kemm lejn San Ġorġ kif ukoll lejn San Mikiel huma indirizzati minn rabta storika mal-Biżantini u n-Normani u t-timbru li dawn ħallew fl-indentità tagħna.
VIII. MUDELL
Aktar mill-ġrajja, għalkemm se nagħmel riferiment għaliha, nixtieq ngħarbel l-ispiritwalità ta’ San Ġorġ bħala mudell li aħna nistgħu ngħixuha f’ħajjitna.
Dan iservina biex nikbru fl-imħabba għal Kristu kif jgħallimna San Ġorġ u nsaħħu l-identità tagħna bħala kommunità.
Bi spiritwalità nifhem mezz prattiku biex nikbru u nifhmu din l-istqarrija, “Jekk inti tistqarr b’fommok Ġesù hu l-Mulej, u temmem f’qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva” (Rom10,9).
Għalhekk, Kristu hu l-għajn ta’ ħajjitna fejn il-qalb tikseb is-sliem imdawwal mit-tama ta’ twemmin li aħna ngħixu fl-imħabba ispirata minn San Ġorġ.
IX. Il-KUNTEST
L-ispiritwalità ngħixuha fil-kuntest tas-sejħa tagħna. Jiġifieri, skond l-istat tal-ħajja tagħna rridu nibnu ispiritwalità li mhux biss tirrifletti, imma tgħinna ngħixu ħajjitna aħjar.
Kif jindika San Franġisk de Sales, hemm mod u ieħor kif ngħixu l-ħajja spiritwali, għax it-taħriġ spiritwali għandu jiġi adattat skont il-ħila, ix-xogħol u d-dmir partikulari ta’ kull wieħed u waħda minna.
Meta dan l-għarfien jonqos, allura l-ispirtwalità ddgħajjef is-sbuħija tas-sejħa tagħna għax minflok insaħħuha, noħolqu frustrazzjoni bla bżonn li jgħamuna għas-sbuħija tal-fidi.
Per eżempju, l-ispiritwalità tal-qassis imsejjaħ biex jgħix is-solitudni u jservi l-komunità parrokjali hija partikulari.
Hekk dik tar-reliġjuż fejn l-impenn tiegħu huwa ndirizzat mill-komunità li tagħha jagħmel / tagħmel parti.
Hekk ukoll dawk li jiddedikaw ħajjithom għat-tagħlim tal-katekiżmu fil-Mużew u dawk li fis-skiet jitkonsagraw ħajjithom lill-Mulej.
Daqshekk ieħor koppja miżżewġa fejn l-ispiritwalità trid tirrifletti l-imħabba ta’ bejniethom u tal-familja mdawwla mill-preżenza ta’ Kristu.
Issa s-sejħa ta’ kull vokazzjoni tindirizza l-ispiritwalità partikulari, imma l-preżenza ta’ Kristu tgħaqqadna f’għaqda ta’ komunità parrokjali fejn indawwlu lil xulxin bl-għemejjel tagħna.
Għalhekk, “Bħalma aħna għandna ħafna membri f'ġisem wieħed, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru ta' l-ieħor.“ (Rum 12,4-5)
Dan iwassalna, bħala insara, biex inkunu xhieda (martri) ta’ Kristu- bħalma kien San Ġorġ - mhux bil-kliem imma fil-fatti. Fi kliem Omeru –il-poeta grieg tal-qedem, Kliem vojt bħal riħ l-aħjar ma jingħadx.
Għalhekk, kif jgħidu l-Latini, “Acta non verba”: – aħjar tagħmel it-tajjeb milli titkellem tajjeb jew kif jgħidilna l-poeta b’referenza għal San Ġorġ, “Agħmel inti li mħabbitna tkun fil-ħidma mhux fil-kliem.”
X. L-EMOZZJONI
Kif jgħidilna Platone, il-filosofu Grieg tal-qedem, l-imġiba tal-bniedem toħroġ minn tliet sorsi ewlenin: ix-xewqa, l-emozzjoni u l-għarfien.
Issa, li tgħix ma’ Kristu, fi Kristu u għal Kristu integrata fil-ħajja spiritwali tan-nisrani, irridu nkunu konxji mid-differenza ta’ dawn it-tliet sorsi u kif jindirizzaw lil ħajjitna.
Naħseb li taqblu miegħi meta ngħid li jien ma rridx inkun indirizzat biss minn emozzjonijiet, imma b’mod intelliġenti irrid nużahom, nieħu pjaċir, u niddominahom biex bhekk insaħħaħ l-umanità tiegħi u dik ta’ oħrajn li magħhom naqsam ħajjti.
Għalhekk, mhux biżżejjed li neċitaw ruħna meta noħorġu lil San Ġorġ minn niċċa. Din hija okkazzjoni li ssaħħaħ l-identita’ tagħna bħala komunità, imma din mhijiex biżejjed, l-għaliex dan il-ħruġ sabieħ u mistenni huwa stedina biex ngħarblu ħajjitna fid-dell tal-patrun tagħna biex nikbru fl-istima tagħna ta’ Ġesù.
Jiġifieri, li l-istima għal Ġesù timbena mhux bl-emozzjoni tal-mument imma bl-għażliet favur ix-xewqa li nkun ħaġa waħda miegħu permezz tal-Ewkaristija.
XI. L-ISTIMA LEJN ĠESÙ
Għalhekk, din l-istima hija mibnija fuq l-esperjenza li tiġbor fiha l-qofol tal-ħajja nisranija, ndirizzata minn mixja wara’ Ġesù – it-triq, is-sewwa u l-ħajja tagħna (Ġw 14,6).
Jekk din l-affermazzjoni tibqa’ biss skuża għall-brijju, allura hija stqarrija fiergħa li bl-ebda mod ma tixhed it-twemmien li xandrilna San Ġorġ bix-xhieda – jiġifieri l-martirju - tiegħu.
Dan huwa it-tradiment ta’ min juża’ il-festa mingħajr ma jgħix is-sinifikat tagħha. Għalhekk, kif jgħallimna l-Imgħallem,“fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta' Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mt 6,33)
Il-bżonn ta’ stima għal Ġesù tgħinna nifhmu l-bżonn ta’ konfini fil-ħsieb u l-għaġir tagħna. Dan il-bżonn jinfluwenza r-relazzjoni tagħna ma’ l-oħrajn u għalhekk, kif nifhmu lilna nfussna.
XII. KONFINI (Boundaries)
Meta nirriferru għal konfini infissru l-bżonn li ngħarfu mhux biss sa fejn nistgħu naslu, iżda kif naslu.
Din l-istqarrija tqajjem mistoqsija importanti: x’inhi l-intenzjoni tiegħi?
Per eżempju, jien nista’ nagħmel karità biex nidher jew inkella biex niddomina u mhux biex inxandar lil Ġesù.
Dan l-għarfien huwa integrat fl-ispritwalità l-għaliex jiċċara mhux biss il-valur, imma t-tfitxija għal relazzjoni sana ma’ Ġesù u x-xewqa li ħajjitna tkun xhieda ta’ dan.
F’dan il-kuntest niftakru f’kliem Mother Teresa ta’ Kalkutta, kliem li ma jagħtix id-dawl ta’ Kristu, jżid id-dlam.
Mhux biżżejjed li nitqarben kuljum imbagħad l-aġir tiegħi jikkontradixxi dak li nilqa’ f’qalbi. Fil-Malti hemm qawl li jiddeskrivi dan l-aġir: jibla l-ostji u …
Hemm diversi tipi ta’ konfini: dawk fiżiċi, psikoloġiċi, emozzjonali, sesswali, finanzjarji, u spiritwali.
L-għan tagħhom huwa bilanċ mingħajr l-estrimiżmu li jgħamina għall-verità u b’hekk, joħloq vojt f’ħajjitna.
Mhux ta’ b’xejn Aristotele, filosofu Grieg tal-qedem jgħidilna li l-virtù jintegra bilanċ bejn żewġ estremi: tixrob mingħajr ma tisker, tiekol mingħajr ma titħanżer.
Il-bżonn tal-konfini jgħallimna biex ma nħawdux ix-xewqat tagħna jew l-interessi partikulari ma’ Ġesù b’tali mod li nibdel leħen Ġesù ma’ tiegħi billi ngħid dak li jaqbel lili jew nuża’ lil Ġesù biex nidher sabiħ mingħajr l-intenzjoni li ngħix dak li nistqar.
Hawn min jaħseb li dak li naħseb jien huwa biżżejjed, minkejja l-ħsara li jsir f’isem Ġesù b’nuqqas ta’ umiltà u l-injoranza ta’ min jimponi lilu nnifsu bħalikieku qiegħed jitkellem f’isem Ġesù!
Għalhekk, il-konfini jgħallmuna ngħarblu l-għażliet tagħna mingħajr il-ħtieġa li ngħaġġel jew nittollera dak li jikkontradixxi lil Ġesù.
Dak li jikkontradixxi lil Ġesù jwassal għal spiritwalità fejn il-jien jissostitwixxi lil Ġesù: San Ġorġ jgħallimna li xogħolna huwa li nagħtu xhieda ta’ Ġesù u mhux nissostitwixxu lil Ġesù.
Dan iwassal biss għal firda parrokjali speċjalment meta l-persuna tpoġġi lila nnifisa bħala ċentru ta’ attenzjoni – araw kemm jien kapaċi – il-buli!
Niftakru fi kliem Ġesù speċjalment meta naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn: jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra." (Mt 15,14).
XIII. L-ISTENNIJA
Biex nevitaw li nikkontradixxu lil Ġesù, iridu nitgħallmu nistennew ma’ ġemb it-triq u bħal l-agħma Bartimew ngħajjtu, “Bin David, jkollok ħniena minni” (Mk 10,47). Kif għamel miegħu, Ġesù jsejjħilna: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed insejjaħlek” (Mk 10,49).
Il-ħniena Divina tindirizzana biex bħal Bartimew infejjaq, nerġgħu naraw wiċċ Ġesù u bħal San Ġorġ nimxu warajh mingħajr biża’ biex l-istqarrija tagħna ta’ fidi tkun vera u mhux biss emozzjoni.
Kif jgħallimna San Antnin Abati, fuq l-eżempju tal-iskulturi u l-pitturi, fejn xogħolhom jirrifletti talenti moħbija, l-għaġir tagħna jagħti xhieda ta’ Alla f’ħajjitna (Aviżi 9)
XIV. TFIXKIL
Bħal Bartimew, ikun hemm ħafna miexja ma’ Ġesù – kotra kbira ta’ nies, imma minkejja li kienu qrib Ġesù konvinti minn tjubithom, xorta jgħajjtu miegħu biex jiskot (Mk 10,46).
Mhux l-għajnuna lill-agħma Bartimew offrew, imma ċ-ċanfira ta’ min għadu ma fehemx it-tifsira tal-mixja tiegħu wara Ġesù u għalhekk jimxu quddiemu jew ma’ ġembu imma mhux warajh.
Nevitaw li nimmitawhom jekk iridu li aħna ma nkunux ta’ tfixkil għall-oħrajn.
Fl-istess waqt, aħna wkoll nagħmlu din l-esperjenza ma’ dawk li jxekkluna minħabba għemilhom jew kliemhom, imma dan m’għandux iżommna milli nagħmlu l-qalb u nsaħħu l-għajta tagħna, l-għaliex bħal Bartimew, mfejjaq fil-fidi minnufih reġa’ beda jara, u baqa’ miexi wara Ġesù fit-triq (Mk10,25). Hekk aħna.
XX. GĦELUQ
Għallum ngħalqu hawnhekk. L-għan tagħna huwa li noħolqu qafas biex nifhmu kif San Ġorġ huwa xempju ta’ spiritwalità għalina. Fit-tieni jum nipprofondixxu dan il-ħsieb.
Martin
Comments
Post a Comment