It-Tielet Jum

 IT-TIELET JUM

0. DAĦLA

Fit-tieni jum rajna kif San Ġorġ jistedinna nagħmlu għażla ndirizzata mill-imħabba biex inkunu xhieda billi ngħixu t-tlett kelmiet bħala esperjenza fundamentali biex nifhmu l-ispiritwalità  mibnija fuq il-formazzjoni tal-kuxjenza. 

Illum se nsaħħu il-mixja tagħna billi ngħarblu kif it-tifsira tal-imħabba timbena fuq it-tifsira tas-salib biex nifhmu lil San Ġorġ. Bhekk jiġu fi tmiem dawn il-jiem ta’ tħejjija biex infakkru lil Patrun tagħna.

I. AGAPE

Sant’Injazju ta’ Antjokja jgħidilna, t-twemmien huwa l-bidu u l-imħabba t-tmiem tal-ħajja nisranija l-għaliex hekk huma magħqudin flimkien li huma jsiru ħaġa waħda.

Fl-istess waqt, San Tumas D’Aquino jwissina, l-affarijiet maħbuba juruna min aħna. Dan ifakkarna f’dak li jgħidilna Ġesù: “Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek” (Mt.6,21).

Tajjeb li nistaqsu lilna nfussna fejn hu t-teżor tiegħi: kemm it-teżor tiegħi jirrifletti mħabbti għal Ġesù u l-proxmu. 

Din hija twissija għal min jaħseb li wieħed jista’ jgħix il-fidi mingħajr imħabba tal-proxxmu, l-għaliex kif jgħidilna San Ġwann,“Jekk xi ħadd jgħid: "Jiena nħobb 'l Alla", u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara kif jista' jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb 'l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.” (1Ġw 4,20-21)

I. Il-Kelma

Il-kelma wżata fit-T.Ġ. għall-imħabba hija Agape (ἀγάπη), fil-Lhudi Ahavà, b’referenza għall-imħabba mingħajr interessi u l-impenn li wieħed lest jħallas għax jemmen f’dak li qiegħed jagħmel li, kif jindika Omeru l-kittieb Grieg tal-qedem, jirrikjedi il-kuraġġ ta’ Ulissi li ħarab mill-gżira ta’ Calypso mis-saħara biex ikompli triqtu lejn daru mistenni minn martu. 

Fit-tejoloġija, Agape tindirizzana lejn l-imħabba ta’ Alla fil-konfront tal-bniedem. Fil-Latin, Caritas; b’referenza għall-imħabba entużjasta għal xi ħadd li tindika t-tifsira ta’ karità. 

Għalhekk, b’entusjażmu mibni fuq kuraġġ u mdawwal minn twemmin, mera ta’ mħabba, San Ġorġ jagħti ħajjtu għal Kristu Ġesù. Din l-ispiritwalità hija mdawwla minn għażla għall-Mulej, il-blata ta’ salvazzjoni (Sal 18,2). 

Forsi hawnhekk tajjeb niftakru fit-talba ta’ Santu Wistin: Missier, jiena qed infittex inċert, imma int, o Alla, tgħasses kull pass tiegħi u tmexxini. 

Hekk ukoll is-Salmista: “Ħieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.” (Sal 40,5) San Ġorġ jisfidana biex nagħmlu l-istess.

Din l-isfida Ġorġjana tistedinna biex ma nitilfux it-tama u nimxu l-quddiem bla biża’ għax Ġesù huwa l-blata ta’ salvazzjoni tagħna.

II.    Diversi Modi ta’ mħabba

Fil-Grieg hemm diversi modi biex tindika l-imħabba: 

a. Agape, li San Tumas D’Aquino ddefinixxa bħala r-rieda tajba li tixtieq lil ħaddiehor;

b. Eros (ἔρως), b’referenza, kif jindika Platone, għall-attrazjoni tas-sbuħija fil-persuna, 

c. Filia (φιλία), b’referenza għal ħbiberija; 

d. Storge (στοργή), b’referenza għall-imħabba tal-familja; 

e. Filawtija (φιλαυτία), b’referenza għal imħabba maqbuda fl-egoiżmu. 

Minn dawn, Agape u Filia – id-differenza bejniethom - jindirizzawna minħabba l-użu tagħhom fit-Testment il-Ġdid. 

III.   AKTAR MINN ĦBIBERIJA

L-imħabba bħala Agape hija diversa minn Filia (ħbiberija) l-għaliex l-impenn mingħajr interessi ta’ Agape jmur lil hinn mill-imħabba ta’ ħbiberija. 

Kif kien jgħidli missieri, Il-ħbiberija sa nofsinhar; l-imħabba għal dejjem. 

Din id-differenza tiċċara meta ngħarblu l-mistoqsija ta’ Ġesù u t-tweġiba ta’ Pietru. Hawnhekk iridu nibqgħu attenti kif Ġesù u Pietru jifhmu l-imħabba: 

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni (ἀγαπᾷς) int aktar minn dawn?" 

"Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok (φιλῶ)." 

Qallu: "Irgħa l-ħrief tiegħi." 

Staqsieh għat-tieni darba: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?" (ἀγαπᾷς)  "Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok. (φιλῶ)" 

Qallu: "Irgħa n-nagħaġ tiegħi." Għat-tielet darba staqsieh: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni?" (φιλεῖς) 

Pietru ħass għafsa ta' qalb għax staqsieh għat-tielet darba, 'Tħobbni?' u qallu: "Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok." (φιλῶ) 

Qallu Ġesù: "Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!" 

Dan qalu biex ifisser b'liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. 

Mbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: "Ejja warajja." (Ġw 21,15-19)

Pietru jixtieq ikun ħabib ta’ Ġesù imma mhux lest iħallas il-prezz ta’ din il-ħbiberija li twasslu biex iħobb lil Ġesù mingħajr l-ebda kundizzjoni. 

Din hija l-mixja ta’ kull min jimxi wara Ġesù – il-bżonn li l-imħabba tagħna tmur ‘l hemm minn sempliċi ħbiberija kif jgħllimna San Ġorġ. 

Biex jagħmel dan Pietru irid iduq it-tifsira tas-salib fuq l-eżempju ta’ l-Imgħallem tiegħu l-għaliex “Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu.” (Mt 10,24) 

Huwa dan li Ġesù qiegħed jindika meta jgħidlu ”Irgħa l-ħrief tiegħi”. Ġesù qed jurih li min jaħrab mis-salib mhux kapaċi jifhmuh u għalhekk, inkapaċi li jitma’ lill-oħrajn jiġifieri li nagħtu xhieda ta’ Ġesù.

Aħna nitimgħu lill-oħrajn bil-kliem u bl-għemil tagħna: jekk dawn jirriflettu lil Ġesù.

IV.   IS-SALIB

Dan il-punt jindirizzana meta naħsbu li l-ispiritwalità tista’ tkun mifruda minn fehma ċara tas-salib f’ħajjitna, l-għaliex is-salib huwa t-triq għall-ħajja b’mod ċar u definitiv.

It-tifsira tas-salib tintrabat ma’ Kenosis – li xxejjen lilek innifsek - mifhuma bħala l-abilità, kif rajna, li xxejjen lilek inifsek fuq l-eżempju ta’ Ġesù. 

Iva, l-imħabba biss hija kredibli l-għaliex l-imħabba hija l-muftieħ biex tifhem is-salib.

Tant hu hekk li meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn l-għadira ta’ Tiberija, kien id-dixxiplu maħbub li għaraf lil Ġesù u mhux Pietru. Għalhekk qallu: "Il-Mulej dan!" (Ġw 21,7). 

Għaliex? Il-maħbub dixxiplu kien wera mħabbtu taħt is-salib maħrub minn Pietru.

Iva, ix-xandir tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk mifdija hija l-qawwa ta’ Alla (1Kor 1,18). Dan huwa d-dehen biex nifhmu l-ispiritwalità ispirata minn San Ġorġ.

Pietru għad irid jifhem imma dan jinkludi ċ-ċaħda tal-ħbiberija tiegħu ma’ Ġesù (Lq 22,54-61) u l-biża’ li jżżommu milli jkun taħt is-salib ma’ min kien iħobb lil Ġesù – Ommu, oħta Marija ta’ Kleofa, Maria ta’ Magdala, u Ġwanni (Ġw 19,25-26). 

Imma, b’differenza ma’ Ġuda, Pietru jagħmel esperjenza ta’ Metanoia (konverżjoni): “U ħareġ ‘il barra jibki b’qalbu maqsuma” (Lq 22,62). 

Dan l-eżempju għandu jakkompanjana fil-mixja tagħna wara Ġesù l-għaliex il-fraġilità tiegħi tgħinni nifhem lill-oħrajn mingħajr illusjoni l-għaliex aħna bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib (Ġak 4,14) hekk ħajjitna. 

L-imħabba biss hija kredibbli l-għaliex tgħallimna nagħrfu fl-oħrajn il-fragilità tagħna u bhekk, nifhmu lil Ġesù. Meta nitqarbnu hija din il-fraġilità li aħna noffru u nistqarru.

V.    IR-REBĦA

Bla biża’ qalbieni, Ġorġi jixhed l-imħabba għal Ġesù bil-martirju u hekk, kif jgħidilna l-poeta: “U bil-mewt toħroġ rebbieħ.”

 Ir-rebħa ta’ Ġorġi tgħinna niddeterminaw it-tfittxija għal Ġesù jekk aħna lesti, bħal Pietru, nagħrfu li l-ħbiberija mhix biżżejjed meta nitkellmu fuq l-imħabba tagħna għal Gesù: din tirrifletti fil-mod kif nittrattaw lil xulxin għaliex huwa inutli li ngħidu Mulej u ma nagħmlux dak li jgħidilna (Lq 6,46). 

It-tfittxija għal Ġesù hija mdawwla mis-salib l-għaliex "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja.” (Mt 16,25) 

Is-salib huwa għalhekk skola ta’ mħabba fejn aħna nitgħallmu ngħixu fis-sliem magħna nfusna l-għaliex nifhmu li aħna dgħajfa fi Kristu, iżda ngħixu miegħu bil-qawwa tal-Missier fl-Ispirtu (2Kor 13,3-4).

San Ġorġ jgħallimna biex, kif jgħidilna Bonhoeffer – maqtul ftit qabel l-aħħar tal-gwerra minħabba r-reżistenza tiegħu għan-nażisnu – inkunu lesti biex inħallu ‘l Alla jinterrompi ħajjitna.

Dan ifisser li aħna ninterpretaw ħajjitna bħala tweġiba għal Alla u mhux sempliċiment impenn personali maħkum mir-rieda li nagħmel dak li nixtieq jien mingħajr riferiment għal dak li Alla qiegħed jitlob minni. 

Bħala qasis tgħallimt li dan jitlob umiltà u onestà fejn is-sejħa hija biss tweġiba mifhuma fid-dawl tas-salib.

Kull sejħa – missier, omm, nanniet, ġuvni, student....hija tweġiba li tista tiftiehem biss, fuq x-xhieda ta’ Ġorġ, fid-dell tas-salib.

Dan isservi biex nipprofondixxu l-istqarrija, li “ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, mmutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.” (Rom 14,7-8)

Imdawwla mill-imħabba (Agape) Divina, nifhmu li kull wieħed u waħda minna huwa msejjaħ biex nirgħu n-nagħaġ ta’ Ġesù – lil xulxin - b’dak li naħsbu, ngħidu, u nagħmlu. 

Dan nistgħu nagħmluh jekk aħna lesti nkunu onesti magħna nfusna fid-dell tas-salib li jdawwal lil qlubna u jifforma il-kuxjenza tgħna. 

L-esperjenza tgħallem li ħafna drabi l-stqarrija ta’ fidi hija biss mod biex inħossuna komdi għax insara mingħajr riferiment għas-salib: mingħajr l-intenzjoni li mmutu għal xulxin. 

Dan nagħmluh meta nużaw l-istorbju ta’ ħidmietna u interessi personali biex naħarbu mis-skiet ta’ Golgota.

VI.     IL-GRAZZJA

L-ispiritwalità mfissra fuq San Ġorġ tinbena fil-ħniena li huwa għaraf fil-grazzja bħala qawwa biex jifhem lil Ġesù, l-għaliex fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu (Efes 1,7). 

Din hija l-grazzja tan-nisrani li tistedinna ngħarblu l-mod kif ngħixuha f’ħajjitna: l-valur li nagħtuha mhux b’dak li nixtiequ imma b’dak li nagħmlu. 

F’dan il-kuntest nistgħu nitkellmu fuq grazzja rħisa - jiġifieri fejn nitkellmu u niftaħru b’Ġesù mingħajr riferiment għal Kristu msallab u l-impatt tiegħu f’ħajjitna. 

Dan nagħmluh meta nitkellmu fuq maħfra mingħajr il-bżonn ta’ indiema  għax jien ma nidnibx jew 

il-Magħmudija mingħajr l-impenn li ngħixuha fil-prattika tal-fidi jew 

it-Tqarbina mingħajr ir-responsibilità tal-qrar bħalikieku qiegħed nixtri l-pastizzi jew 

l-istqarrija tal-fidi mingħajr il-bżonn li nuriha fl-għemil ta’ karità għax lili ħadd ma jgħinni 

 jew il-fidi mingħajr riferiment għal Ġesù Kristu ħaj u inkarnat imma biss mod ieħor biex insaħħah l-identità kulturali. 

Wieħed jistaqsi jekk is-sejħa li tkun nisrani bħala missier, omm, reliġjuż, tal-mużew jew qassis huma biss status marbut ma’ unur jew identità kulturali, aktar minn xewqa li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu. 

It-tweġiba niskopruha fis-skiet quddiem it-Tabernaklu mingħajr il-biża’ ta’ dawk li jgħidu l-oħrajn. 

L-ispiritwalità mibnija fuq ix-xhieda ta’ Ġorġi tintegra dehen ewlieni bejn ix-xewqa tal-ħbiberija u l-għażla li tkun dixxiplu: il-grazzja tas-salvazzjoni li tisfidani nimmatura fl-istqarrija tal-fidi.

Għalhekk, is-salvazzjoni tista tkun biss stedina biex nkunu ħbieb ta’ Ġesù mingħajr il-ħlas tas-salib: għall-kuntrarju, id-dixxiplu huwa dak li lest iħallas b’ħajtu kif għamel San Ġorġ – il-ħbiberija sa nofs inhar, l-imħabba sal-mewt. 

Din hija l-isfida meta ngħidu li nħobbu lil Ġesù: San Ġorġ jgħallimna d-differenza.  

 Kif jgħidilna James Joyce kittieb Irlandiż, il-ħbiberija tista’ tkun biss skuża biex niltaqgħu, nixorbu, nitkellmu u forsi ngħannu flimkien imbagħad, nixxenglu, nintilfu fid-dalma tal-lejl biex forsi nerġgħu niltaqaw xi mkien darb’oħra - Għexu u daħku u ħabbu u telqu (Finnegans Wake). 

Għall-kontrarju, l-imħabba hija sfida biex nikbru fi Kristu, l-għaliex kif jgħidilna San Pawl, l-imħabba tiġbor it-tifsira tal-Liġi: “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi”. (Rum 13,10; 1Kor 13,2)

VII.     L-IMĦABBA BISS HIJA KREDIBLI

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, Agape hija sinonimu għall-Ewkaristija bħala espressjoni ta’ mħabba: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” (Ġw 15,9).

Dan huwa l-motto tal-Kanoniċi ta’ din il-Kolleġjata: sfida biex mhux biss nikbru fi Kristu, imma nagħtu xhieda ispirati minn San Ġorġ għax bħalu xrobna mill-blata spiritwali li timxi magħna u din il-blata hija Kristu Ġesù (1Kor 10,4). 

Mhux ta’ xejn Benedetto XVI jgħidilna li l-hena li għandek dritt tgawdi għandha isem u wiċċ: Ġesù ta’ Nazaret moħbi fl-Ewkaristija.

Meta nitkellmu fuq Agape bħala mħabba dan nagħmluh mhux biss bħala riferiment għall-imħabba Divina fil-konfront tal-bniedem, imma t-tweġiba tagħna għal din l-imħabba. 

Huwa f’dan il-kuntest li nistgħu nifhmu, kif jgħidilna t-tejologu von Balthasar, li l-imħabba biss hija kredibbli l-għaliex, l-imħabba hija l-espressjoni kompleta tal-fidi. 

Jiġifieri, jekk il-fidi tibqa’ weħidha mingħajr għemil, tkun mejta fiha nfisha (Ġak 2,17): għan-nisrani l-karità mhix għażla imma dover.

Għalhekk, fi Kristu Ġesù xejn ma jiswa ħlief il-fidi li taħdem permezz ta’ l-imħabba (Gal 5,6); li jdawwwal il-qlub maħkuma minn dlamijiet il-ħajja.

 Din hija x-xhieda ta’ San Ġorġ: l-imħabba bħala tweġiba entużjastika u kuraġġuża li taħkem u twasslu biex jissagrifika ruħu għal Kristu Ġesù. 

Din hija l-lezzjoni li tgħinna nifhmu kliem San Pawl: fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba (1Kor 13,13). 

It-tifsira ta’ kliem Pawlu niskopruh fid-dell tas-salib fejn l-imħabba tibqa’ għal dejjem u li għaliha, kull wieħed u waħda għandu aċċess.

VIII. LETTERATURA

Forsi ftit jagħfu li fi Katanunja (Spanja) Jum il-Ktieb fejn ġie iċċelebrat l-ewwel darba, illum iċċelebrat mad-dinja kollha, huwa marbut ma’ San Ġorġ (Sant Jordi) – it-23 ta’ April – fejn kotba u ward jiġu skambjati bejn il-maħbubin.

Ix-xewqa u t-tfittxija għall-imħabba tiddomina l-letteratura u għalhekk ħsieb il-bniedem matul ż-żminijiet. Dan jgħinna nifhmu aħjar it-tifsira ta’ mħabba.

Per eżempju, Dante jgħidilna li min jiddefinixxi l-imħabba bl-għadd tal-kliem ftit iħobb l-għaliex l-imħabba titlob is-skiet ta’ Betlehem u dak tal-Golgota. 

Il-kittieb magħruf Irlandiż James Joyce jgħidilna (Ulysis), l-imħabba hija l-kelma misterjuża: il-muftieħ biex tifhem il-ħajja. 

Shakespeare, meqjus bħala wieħed mill-akbar kittieba, li twieled u miet fit 23 ta’ April, jgħidilna, l-imħabba tixbaħ lil kurrenti qawwija ta’ xmara fejn mhux dejjem huwa possibli tindirizza il-korsa mixtieqa. 

Din hija esperjenza mifruxa akkumpanjata minn tbatija u tfixkil għal min l-imħabba hija biss kelma, li bħal kalamanjonte, tibdel lewnha skond ix-xewqat indirizzati mill-mument. 

L-imħabba magħrufa minn San Ġorġ hija diversa, l-għaliex hija indirizzata minn lealtà, aktar milli minn interessi personali: is-suldat leali ta’ Kristu li jisfida bil-lanza ta’ mħabbtu l-mewt. 

IX.     MISTOQSIJA

Imma jiena, x’nista’ ngħid fuq imħabbti? Minn xhiex hija indirizzata? 

Meta ngħarbel it-tweġiba għal din il-mistoqsija rrid inkun onest u nifhem li mħabbti m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’mhux xieraq; ma tfittix dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti (1Kor 13,4-7) 

Mhux ta’ xejn Ġesù jgħidilna li “Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax jaraw ‘l Alla” (Mt 5,8) l-għaliex huma tgħallmu l-vera tifsira tal-imħabba. 

Din hija x-xhieda ta’ San Ġorġ meta nitkellmu fuq il-bżonn li nintegraw l-ispiritwalità li dan il-qaddis jurina b’għemilu. 

Dan nistgħu nagħmluh meta, kif jgħidilna Sant Ignazju ta’ Antjoka, m'għandekx lil Ġesù Kristu fuq xofftejk, imma d-dinja f'qalbek. 

5. GĦELUQ

Matul iż-żminijiet il-Qriema tawna eżempji tax-xewqa li jagħmlu minn San Ġorġ mudel ta’ spitiwalità: tant hu hekk, li l-fidi hija integrata fl-identità tal-Belt Pinto. 

Għalhekk, infakkru lil Dun Ġerolomino Cilia, maqtul fl-Assedju l-Kbir f’impenn biex jiddefendi t-twemmin u art twelidu.

Missirijietna li bnew din il-knisja bħala espressjoni tal-imħabba għal San Ġorġ. 

Dawk li matul iż-żminijiet żejnuha, ħabbewha u għamlu minnha dar ta’ fedeltà.

Aħna, li ngawduha u nkomplu nibnu fuq dawk ta’ qabilna: jiġifieri, li nikbru fi Kristu biex bħal San Ġorġ nagħtu xhieda għall-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna bħala komunità parrokjali. 

Din il-knisja maħbuba minna, hija mera ta’ qima u mħabba lejn San Ġorġ. 

Tifkira li tiġbor fiha l-identità ta’ kull min jiftaħar li huwa Ġorġjan. 

Imma dan it-tempju meqjus jibqa’ biss tifkira jekk l-imħabba lejn il-patrun tagħna ma tirriflettix l-mixja tagħna wara Ġesù. 

Għalhekk San Ġorġ jibqa’ mudel ta’ spiritwalità biex nippofondixxu l-imħabba ta’ Ġesù f’ħajjitna.

Hawnhekk, tajjeb niftakru fi kliem San Ġwann Vianney, il-patrun tal-kappillani: “Il-qaddisin mhux kollha bdew sew, imma spiċċaw tajjeb.” 

Għalhekk, inqawwu qlubkom l-għaliex it-tama, kif jgħidilna s-Salmista, timlina bit-tama: “Saħħu u ħudu l-qalb intkom li titamaw fil-Mulej.” (Sal 31,24)

Dan nagħmluh meta l-konverżjoni tagħna tinbena fuq ix-xewqa, issa għażla biex nixxejnu, fuq ix-xhieda ta’ San Ġorġ, għall-imħabba ta’ Ġesù li nistqarru hawnhekk u ngħixuh ‘l hemm miz-zuntier f’għaqda mibnija fuq l-eżempju u x-xhieda tal-maħbub tagħna Ġorġi li fi kliem San Ignazju ta’ Antjoka, sar il-qamħ mitħun fix-xhieda tal-martirju biex hekk sar il-ħobż safi ta’ Kristu. 

Kif kiteb il-poeta nazzjonali bi stima, 

“Mhux il-ġid, mhux il-forħrija 

 Kienu l-għana li ħabbejt: 

Fidi sħiħa, mħabba kbira 

 It-teżor li bih tbennejt.” 

Għalhekk, b’leħen wieħed, nistqarru: 

Maħbub Ġorġi, f’din is-siegħa 

Li tfarraġna b’dawl is-sliem, 

Agħmel int li mħabbitna 

Tkun fil-ħidma mhux fil-kliem biex 

Ħalli, mela jdoqq ferrieħi 

Fuq il-fomm tagħna l-Qormin, 

L-innu tiegħek li qalb safja 

żejnet b’noti sbieħ, ħelwin. 

Ikun infaħħar Ġesù Kristu.  

Referenzi

1. Il-Kotba Mqaddsa (2nd Edizjoni 1996) Għaqda Biblika Maltija

2. Dun Karm Psaila, Innu Popolari Fjur ta’ Martri

3. Catechism of the Catholic Church 

4. Vatican II Documents

5. Mark J. Boda and Gordon T. Smith, eds., Repentance in Christian Theology, Michael Glazier, 2006

6. Edward J Anton, Repentance: A Cosmic Shift of Mind and Heart, Discipleship Publications, 2005

7. Tomaso D’Aquino, Summa Theologicae, i-ii, 26

8. Nicodimo Aghiorita e Macario di Corinto, La Filocalia, !-!V, Piero Gribaudi Editore, 1999

9. James Joyce, Ulysses, Penguin Classics

10. James Joyce, Finnegans Wake, Penguin Classics

11. William Shakespeare, A Midsummer Night’s Dream

12. William Shakespeare, Hamlet, Prince of Denmark

13. Dante Alighieri, La Divina Commedia

14. Hans Urs von Balthasar, Glaubhaft ist nur Liebe

15. Dietrich Bonhoeffer, Nachfolge

16. Homer, Iliade, Penguin Classics

17. Plato, Symposium, Penguin Classics


Comments

Popular posts from this blog

Tridu: L--Ewwel Jum

It-Tieni Jum