It-Tieni Jum

 DAĦLA GĦAT-TIENI JUM

Fl-ewwel jum ħloqna qafas biex nifhmu kif San Ġorġ huwa xempju ta’ spiritwalità. Illum nezaminaw mill-qrib it-tifsira ta’ din l-istqarrija biex nifhmu aħjar lil dan il-qaddis maħbub tagħna.   

XV.   GĦAŻLA

Ix-xhieda ta’ San Ġorġ tikkonsisti f’għażla għal Kristu li tindirizza l-għażliet ta’ ħajjtu. 

Din hija l-istedina ta’ San Ġorġ u d-devozzjoni maħduma matul iż-żminijiet li ffurmat l-identità ta’ din il-komunità: jiġifieri, li nimxu wara Ġesù fil-ħajja tagħna fis-skiet u l-ġabra minkejja d-dlamijiet li niltaqgħu magħhom l-għaliex din hija t-tweġiba ta’ min jidentifika ma’ San Ġorġ. 

Fl-għażliet tagħna nagħmlu l-qalb għaliex il-Mulej hu qrib ta’ dawk b’qalb maqsuma u ta’ dawk mifxula fl-ispirtu (Sal 34,18). 

Għalhekk l-istedina,"Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta' qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif." (Mt 11,28-30)

XVI.   L-ISTEDINA

Din l-istedina tiġbor fiha r-rikonoxximent, fuq l-esperjenza ta’ Santu Wistin, li qalbna saret għalik, Mulej, u hija bla kwiet sakemm tistrieħ fik. 

Dak li nagħmlu huwa ndirrizzat minn dan il-mistrieħ fil-qalb minfuda ta’ Ġesù maħkuma mill-imħabba li aħna ngħarfu fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Fl-Ewkaristija ngħarfu l-fraġilià tagħna issa mdawlha minn Ġesù li tfakkarna fl-affarijiet żgħar tal-ħajja.

Imma kif tgħidilna Mother Teresa ta’ Kalkutta, ilkoll ma nistgħux nagħmlu affarijiet kbar, imma nistgħu nagħmlu affarijiet żgħar b’imħabba kbira. Dan huwa l-unur ta’ min f’San Ġorġ jgħaraf il-preżenza ta’ Kristu.

XVII.   L-IMAĠINI

Imma qabel ma nipprofondixxu t-tifsira ta’ din l-istqarrija – Ġesù huwa t-triq, is-sewwa u l-ħajja (Ġw 14,6), nindirizzaw ħsibijietna lejn l-immaġini tradizzjonali ta’ San Ġorġ kif inhi rappreżentata fil-kwadru antik li jaħkem is-sagristija: San Ġorġ jissielet mad-dragun - rappreżentazzjoni li ħakmet l-immaġinazzjoni ta’ ħafna artisti matul iż-żminijiet.

Il-lanza ta’ San Ġorġ li biha jissielet mad-dragun, l-għadu tal-qedem, għandha tifsira profonda meta nqabbluha ma’ dik li nifdet sider Ġesù (Ġw 19,34). 

Waqt li San Ġorġ qiegħed jillimita l-ħażen simbolizzat mid-dragun, il-lanza li nifdet sider Ġesù tiftaħ xmara ta’ mħabba. 

 L-ilma u demm minn qalb maqsuma issa saru xbiha ta’ twemmin li San Ġorġ lest li jħaddan u xxandar b’ħajtu, l-għaliex sliem il-Mulej jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilna qlubna u moħħna sħaħ fi Kristu Gesù (Fil 4,7).

XVIII.   IX-XHIEDA

Għalhekk, ħajjet San Ġorġ hija xhieda ħajja ta’ kif in-nisrani jgħix il-Magħmudija mhux bħala identità kulturali, imma bħala stqarrija ta’ twemmin ħaj, imsaħħa bil-partecipazzjoni fis-sagramenti li jintegraw il-preżenza vera ta’ Kristu f’ħajjitna. 

Dan isaħħaħ dak li tgħidilna Edith Stein, qaddisa maqtula f’Auschwitz: meta wieħed ifittex il-verità, ikun qieħed ifittex ‘l Alla. Għalhekk, kif tgħidilna din il-qaddisa, taċċetta xejn bħala imħabba li hija nieqsa mill-verità. Din l-imħabba mibnija fuq il-verità nagħrfuha fis-sagramenti.

XIX.   IS-SAGRAMENTI

Is-sagramenti huma għejun ta’ grazzja: huma jgħinuna ngħarfu wiċċ Kristu bħala r-Ragħaj it-tajjeb li jagħtina sliem il-qalb biex nikbru fl-għarfien tagħna nfusna mingħajr il-biża’ tal-kundanna. 

Għalhekk, aktar minn identità kulturali, is-sagramenti huma muftieh biex induqu l-ħniena ta’ Alla li takkompanja b’mod speċjali fil-qrar bħala għarfien ta’ mħabba li niċċelebraw fl-Ewkaristija bħala “ħobż il-ħajja, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw 6,51)

XX.    IT-TLIET KELMIET

F’dan il-kuntest hemm tliet kelmiet li jaħkmu l-kitbiet fit-Tieni Testament (dak li aħna nafuh bħala t-Testament il-Ġdid) u li jindirizzaw l-ispiritwalità ġorġjana. 

Dawn it-tliet kelmiet, sors ta’ spiritwalità dejjiema, ifakkruna fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, mfakkra minna b’ħafna għożża fil-Ġimgħa Mqaddsa u għalhekk, fil-mixja tagħna wara Ġesù. 

Dawn it-tliet kelmiet jgħinuna nħejju lilna nfusna biex infakkru l-Patrun tagħna San Ġorġ. 

Aħna u nagħmlu dan, se neżaminaw dawn it-tlett kelmiet – Metanoia, Kenosis, u Agapeo - u kif dawn il-kelmiet jgħinuna nifhmu lil San Ġorġ bħala mudell ta’ spiritwalità f’ħajjitna. 

1. METANOIA  Fit-tejoloġija nisranija Metanoia (Μετάνοια minn meta + noein, tibdel fehmtek). Jiġifieri, terġa’ taħseb fis-sens ta’ tiġdid b’referenza għall-konverżjoni. 

Is-sogħba, għalkemm integrata fl-esperjenza tal-konverżjoni ma tirreflettix is-sens ta’ din il-kelma, l-għaliex it-tifsira tagħha hija marbuta ma’ bidla radikali li jdawwal l-għażliet ta’ ħajja indirizzata minn Ġesù. 

Din il-bidla tirrifletti t-tweġiba tagħna għall-ħniena Divina – esperjenza li ngħixuha kuljum imdawwla minn tfitxija għall-verità li aħna nagħrfu f’Ġesù: dak li l-Padri tad-Desert isejjħu ‘Gnosis’, jiġifieri għarfien imwettaq f’ħajjitna mill-Ispirtu s-Santu.  

Il-konverżjoni (Metanoia) għalhekk tintegra l-abilità li tbiddel ħajjtek b’mod permamenti, mgħejuna mis-sagramenti u b’hekk, l-abilità li tagħraf, mhux biss dak li jifirdek minn Ġesù, imma wkoll dak li jsaħħaħ l-għaqda tagħna miegħu: dan jitlob l-onestà biex aħna nagħrfu lilna nfusna mingħajr skużi.

I. IL-QRAR

Għalhekk, tajjeb nagħrblu l-qrar bħala eżami ta’ kuxjenza biex tissaħħaħ l-umanità tagħna bħala espressjoni tal-imħabba murija fi Kristu li minnu ħadd ma jista’ jifridna (Rum 8,35.39). 

Dan huwa l-pedament tat-tama tagħna: Il-Mulej iħobb lill-bniedem, mgħaġġel biex jaħfer, imma bil-mod biex jikkastiga (Sal 103,8). 

Ħalli l-ebda bniedem għalhekk ma jiddispra mis-salvazzjoni li hija espressjoni ta’ mħabba bla konfini – stedina miftuħa għal kulħadd mingħajr distinzjoni li nagħmlu aħna bejn persuna u oħra fil-ġudizzju li jservi biss biex nitbiegħdu minn Kristu għax kif jgħidilna hu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati” (Mt 7,1-2)

Għalhekk, aktar minn sempliċiment stqarrija ta’ dnubiet, il-qrar huwa mezz, kif tgħidilna Edith Stein, biex nieħdu kollox eżatt kif inhu, inpoġġuh f’idejn Alla u nħalluh miegħu bla biża’. 

Dan jgħinna nifhmu kliem is-Salmista: Oħloq fija qalb safja, Mulej, u spirtu qawwi ġedded fija (Sal 51,12)

Din hija esperjenza ta’ ħniena li jdawwal il-mixja tagħna wara Ġesù u hekk, isaħħaħ it-tweġiba ta’ min f’Ġesù, bħal San Ġorġ, jagħraf il-Feddej. 

II. DAK LI JBIEGĦEDNA

Iva, ħafna huma maħkuma minn xi ħaġa li tbiegħedna minn Ġesù – jiġifieri xi ħaġa li tillimitana bħal kburija, rabja, għira, droga, pretensjonijiet, alkoħolismu, ponografija... Għalhekk, min jitbiegħed minn Alla jfaqqar l-umanità personali.

Għalkemm f’mumenti partikulari nibku xortina, xorta waħda nibqgħu maħkuma minn dan il-baħħ mudlam: taħkem is-sogħba tal-mument u meta, imma mhux l-intenzjoni li nibdlu ħajjitna – jiġifieri l-konverżjoni. 

Din hija esperjenza li takkompanjana fejn il-konverżjoni tibqa’ biss ħaġa mixtieqa u hekk, kif ifakkarna Dante, il-poeta nazzjonali Taljan, mogħbija, ngħerqu fil-fond maħkuma minn dlamijiet li jfakkruna f’dak li tlifna. Imma għal min jemmen, it-tama ma tmutx.

Kif għidilna San Ġwann Krisostnu, “Ħadd ma jibki li waqa’ għal darb’oħra, għax il-maħfra qam mill-qabar!” u għalhekk, bħal Tumas li emmen biss meta miss il-marka tal-imsiemer (Ġw 20,24-25), il-ġrieħi tal-Irxoxt ifejjaqna mill-ġrieħi li forsi aħna m’għandniex il-kuraġġ nammettu. Huwa b’hekk li ngawdu sliem il-Mulej.

Nagħmlu l-qalb l-għaliex kif jgħidilna l-Imgħallem, “Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema." (Lq 5,32)

Għalhekk, is-sagramenti joffrulna mezz biex ma naqtgħux qalbna u minkejja l-waqgħat, inqumu u nimxu bħal Bartimew li fid-dlam għaraf id-dawl: Kristu Ġesù. 

Kif jgħidilna Santu Wistin, fl-aktar ferita profonda tiegħi rajt il-glorja tiegħek u din tgħammixni. 

Aħna dan niċċelebrawh fil-ġirja tant mistennija ta’ l-Irxoxt mimlija ferħ il-Għid – il-maħfra għax Hu qam mill-qabar!

III. GĦARFIEN ĠDID

Kif jgħidilna r-Ragħaj ta’ Hermas – xogħol letterarju nisrani importanti tat-tieni seklu, il-konverżjoni (Metanoia) timplika għarfien ġdid; dixxerniment fejn wieħed jagħraf u jintegra l-imħabba Divina. Aktar mill-emozzjoni u x-xewqa, jaħkem l-għarfien ta’ Ġesù fl-għażliet tal-ħajja.

Dan jirrifletti l-ħsieb nisrani tal-ewwel sekli fejn il-konverżjoni timplika tibdil ta’ ħsieb li jwassal għal bidla fil-mod kif wieħed mhux biss jgħix, iżda kif wieħed iħares lejn il-ħajja. 

Faċli nitkellem fuq Ġesù bħalikieku huwa l-pedament ta’ ħajti: fil-verità nkun qiegħed biss nimponi lili nnifsi l-għaliex dak li nagħmel, nagħmlu għalija anki meta nlibbsu bi Kristu. Mhux hekk San Ġorġ: mhux il-kliem fieragħ imma x-xhieda ta’ min jagħmel minn Ġesù l-għan ta’ ħajjtu. 

San Ġorġ jgħallimna nħarsu lejn il-ħajja b’għajnejn Ġesù, l-għaliex f’Ġesù għaraf il-ħajja.

Kif jgħalimna Tertullian – kittieb ta’ l-ewwel sekli (155-230 AD), aktar milli penitenza (paenitentiam) li tirrifletti stqarrija ta’ dnubiet u s-sogħba, il-konverżjoni tirrifletti bidla fil-karattru (conversionem): aktar mill-biki għall-passat, il-konverżjoni hija għalhekk stedina biex ngħixu l-futur mingħajr il-biża tal-passat. 

Dan il-ħsieb jaħkem is-sejħa tad-dixxiplu, jiġifieri n-nisrani, imfissra b’mod speċifiku fil-Vangelu u l-Atti ta’ San Luqa fejn Metanoia – konverżjoni - hija nsemmija ħafna drabi (25 darba) l-għaliex is-salvazzjoni tirrifletti twemmin f’Ġesù bħala il-Feddej u l-impatt ta’ din l-istqarija għalija. 

Għalhekk, l-ewwel pass fil-mixja tagħna wara Ġesù hija l-konverżjoni: “Indmu (metanesate) – jiġifieri ikkonvertu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.” (Atti 2,38)  

Il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu tippermettilna għarfien ġdid maħkum mill-preżenza ta’ Kristu – it-tifsira ta’ San Ġorġ u x-xhieda tiegħu bħala dak li f’mewtu jgħallimna għarfien ġdid.

Mistoqsija takkompanja: Meta niftaħfru li aħna Ġorġjani, hija din l-konvinzjoni li tiddefinixxi d-devozzjoni tagħna lejn San Ġorġ?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija ndirizzata minn l-għarfien li “kull ma jagħmel il-bniedem hu safi f’għajnejh, imma l-Mulej jiżinlu qalbu” (Qw 21,2) – l-iżbal ta’ min jaħseb li t-tort huwa dejjem ta’ ħaddieħor.

IV. GĦAŻLA FUNDAMENTALI

Għalhekk, Metanoia (konverżjoni) tinkludi għażla fundamentali li tindirizza ħajjitna fl-għażliet li nagħmlu. 

Per eżempju, jekk jien nintrabat ma’ Kristu, il-valuri nħaddna huma riflessjoni ta’ din l-għażla għal dak kollu li jiddistingwi lil Ġesù - imħabba, ħniena, maħfra, umiltà, u l-kuraġġ li nagħti xhieda b’dak li naħseb, ngħid u nagħmel.

Għalhekk tajjeb ngħarblu dak li qal Ġesù:"Intom dawk li tagħmluha ta' nies sewwa f'għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f'għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah.” (Lq 16,15)

Din l-istqarija tqajjem għarfien ġdid għaliex li jkollok dritt li tagħmel xi ħaġa mhuwa xejn l-istess bħal li jkollok raġun li tagħmlu, l-għaliex dak li tagħmel irid jirrifletti dak li inti f’għajnejn il-Mulej. 

Iva, qabel ma naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor, tajjeb niftakru f’dak li aħna tassew mingħajr l-illużjoni ta’ min ma jagħrafx in-nuqqas ta’ fedeltà fil-konfront ta’ Ġesù.

V. IL-FEDELTÀ

San Ġorġ tana xhieda ċara ta’ fedeltà, għaliex  huwa ipprefera l-mewt, milli jiċħad l-imħabba għal Kristu: ta’ suldat, baqa’ fidil lejn il-Mexxej tiegħu Ġesù u b’hekk, kif jixhed il-poeta, San Ġorġ inti tista “tfarraġna b’dawl is-sliem.” 

Għalhekk, il-konverżjoni hija indirizzata minn sliem il-qalb bħala garanzija tal-preżenza ta’ Ġesù f’ħajjitna, l-għaliex il-qalb hija sors ilmijiet il-ħajja (Qw 4,23). 

Dan huwa possibli meta qlubna jixhdu l-fedeltà ta’ min jagħmel lil Ġesù mudell ta’ ħajja mdawwla minn San Ġorġ.

2. KENOSIS

It-tieni kelma li nixtieq ngħarbel hija Kenosis (κένωσις), bi tifsira li ixxejjen lilek innifsek kif jgħdilna San Pawl: “Hu li għad kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bniedem, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”  (Fil 2,6-8).

F’din is-silta mill-Ittra lill-Filippin, il-kelma li tesprimi “xejjen” hija kenòo (κένÓω): dan il-verb jintuża fit-T.Ġ. b’riferiment għall-ħniena Divina fi Kristu Ġesù.

Li Kristu ċċekken lilu nnifsu tesprimi l-imħabba ta’ Alla u kif din mhux biss tindirizza ħajjitna, imma titlob tweġiba. 

Dan jitlob li nxejnu lilna nnfusna billi nħallu l-fraġilità personali tinbena f’pont biex nagħdru u mhux nikkondannaw. 

Meta nagħmlu dan, niskopru xi jfisser tkun ħieles. Għalhekk, l-importanza li mhux biss nissaportu imma nappoġjaw lil xulxin ħafna drabi mingħajr il-bżonn ta’ ħafna kliem fieragħ. 

Għalhekk, din it-tweġiba tikkonsisti fid-dispożizzjoni tal-qalb li tilqa’ l-imħabba ta’ Alla bħal dawl li jdawwal id-dlamijiet ta’ qlubna. 

Kif jgħidilna Dante, jekk nagħtu d-dawl, kull wieħed jista’ jiskopri triqtu mingħajr il-biża’ ta’ dak li jgħid ħaddieħor l-għaliex li tkun qaddej ta’ Kristu huwa li tkun tassew ħieles. Hekk San Ġorġ.

Dan huwa possibli l-għaliex il-fidi hija bħal raġġ qawwi ta’ dawl li jgħinna naraw lil Alla f’kollox u fl-istess waqt, nagħrfu kollox f’Alla mingħajr il-biża’ ta’ min ifittex biss lilu nnifsu maħkum mill-biża minħabba dak li jistgħu jgħidu jew jagħmlu l-oħrajn. 

Li tkun ħieles ifisser li qalbek tfittex f’Alla s-sliem tagħha. 

Għalhekk, “Ħenjin dawk li jġibu s-sliem, għax huma jissejjħu wlied Alla.” (Mt 5,9) Is-sliem mhuwiex dak li nagħmel jien, imma dak li jagħmel Ġesù permezz tiegħi. 

Ħafna drabi, speċjalment meta nagħmel eżami tal-kuxjenza, din is-silta taħsadni l-għaliex tpoġġini fid-dawl tal-verità: kemm jien lest, fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ li nduq lil Ġesù billi nintegrah f‘ħajjti. 

I. NAĦSBU BĦALMA JAĦSEB ĠESÙ

Għalhekk, li xxejjen lilek innifsek tfisser li aħna naħsbu bħalma

jaħseb Kristu Ġesù (Fil 2,5): jiġifieri, “Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta' ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u imlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed. Tagħmlu xejn b'pika ta' partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.” (Fil. 2,1-4) 

II. IL-FORMAZZJONI TAL-KUXJENZA

L-għarfien ta’ dak li jgħidilna Pawlu  mhux biss jitlob, iżda jgħinna niffurmaw il-kuxjenza tagħna jekk aħna serji meta ngħidu li aħna ġorġjani u nixtiequ li San Ġorġ idawwal triqatna fil-mixja tagħna wara Ġesù. 

Dan ngħidu l-għaliex mhemmx xhieda daqshekk terribli, ebda akkużatur daqshekk qawwi bħall-kuxjenza li tgħammar fina. 

Minkejja dan, aħna kapaċi noqtluha bl-aġir tagħna fejn il-ġustizzja hija sottomessa għal abbuż, il-pjaċir, u l-ambizzjoni maħkuma mill-għira, l-pika u l-gideb. 

Leħen Alla fi qlubna, il-kuxjenza titlob rendikont ta’ dak li nagħmlu u nsiru b’dak li nagħżlu. 

Il-kuxjenza hija għalhekk il-laboratorju fejn nifhmu l-virtù u nintegrawh f’ħajjitna: garanzija li l-imħabba tagħna għal San Ġorġ tirrifletti l-imħabba tagħna għal Ġesù. 

Għalhekk, jekk aħna nimxu wara Ġesù u ngħixu spiritwalità li tirrifletti din l-għażla, il-formazzjoni tal-kuxjenza takkompanjana fl-għaġir tagħna l-għaliex l-għarfien u twemmien ta’ Alla huma salvezza u perfezzjoni tar-ruħ. 

Din il-formazzjoni tal-kuxjenża hija aktar mitluba f’ambjent fejn il-valuri nsara huma dejjem aktar miċħuda anke jekk nippretendu li ngħożżuhom: ħadd ma jista’ għal żmien twil jistaħba wara maskra; il-pretensjoni malajr tiskadi fil-karattru veru. Din hija esperjenza li wieħed jista’ jmissha b’idejh.  

Imma kif timbena l-formazzjoni tal-kuxjenza?

III. KIF TIMBENA

Il-formazzjoni tal-kuxjenza tinbena fuq l-għażla li nagħmlu minn Ġesù l-mudell li fuqu nibnu ħajjitna kif jgħallimna San Ġorġ. 

Għalhekk, hija l-għażla tagħna għat-tajjeb jew għall-ħażin li tiddetermina l-karattru tagħna, mhux l-opinjoni tagħna dwar it-tajjeb jew il-ħażin.

Dan ifisser, kif jgħidilna Polonius fix-xogħol ta’ Shakespeare (Hamlet), fuq kollox kun leali lejk innifsek u jrid isegwi, bħal-lejl għan-nhar, li ma tistax imbagħad tkun falz mal-ebda bniedem.

Ħafna drabi, minkejja l-ħafna kliem, aħna nagħmlu il-kuntrarju bl-iskuża li ma fhimniex. 

Irridu noqogħdu attenti li r-riħa ħelwa tal-inċens ma jagħminiex minn wiċċ Kristu għax, “Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.” (Ġak 4,17)

Innutaw kif l-konverżjoni nfissra fil-Metanoia, u li xxejjen lilek innifsek nfissra f’Kenosis, jirriflettu lil xulxin, l-għaliex huwa biss b’dan il-mod li l-ħniena Divina tinbidel f’imħabba li ġġeddidna fil-mixja wara Ġesù mibnija fuq kuxjenza li hija mera ta’ Ġesù. 

IV. MIN HUWA L-AKBAR

Fil-kuntest tal-formazjoni tal-kuxjenza, punt li ftit jew xejn ngħarblu hija l-istqarrija ta’ San Ġwann dwar Ġesù: “Jenħtieġ jikber hu u niċkien jien” (Gw 3,30). 

San Ġorġ jgħallimna li sakemm nibqgħu aħna ċ-ċentru tal-attenzjoni, indirizzati minn ambizzjoni personali jew identità kulturali, il-formazzjoni tal-kuxjenza tibqa’ biss gidba li tbegħedna mill-Missier, l-għaliex mhux aktar l-Ispirtu li jrawwen lil qlubna – it-tlellix ta’ kliem fieragħ għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat (Mt 12,36-37).

Il-konverżjoni  ta’ Ġorġi tixhed l-Ispirtu li rawwem lil qalbu f’għażliet li huwa għex f’ħajja spiritwali indirizzata minn Ġesù. 

Kif għidilna San Pawl, “Is-Saltna ta' Alla mhijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu.“ (Rom 14,17) 

Għalhekk, il-formazzjoni tal-kuxjenza tirrikjedi ftehim onest ta’ xi jfisser li tkun nisrani. Tajjeb niftakru li, “Ir-ruħ fil-bniedem hi dawl il-Mulej, li jgħarrex il-moħbiet kollha tal-qalb.” (Prov 20,27) 

V. L-GĦAQDA TAGĦNA MA’ GESÙ

San Ġorġ joffrilna mudel biex nindirizzaw il-formazzjoni tal-kuxjenza tagħna, l-għaliex huwa ma fittexx dak li jaqbillu imma dak li jaqbel lil ħaddieħor - bix-xhieda tal-martirju. 

B’dan il-mod huwa wera l-qawwa tal-konverżjoni (Metanoia) tiegħu: Huwa ta xhieda ħajja ta’ kif aħna nistgħu nsaħħu l-għaqda tagħna ma’ Ġesù billi nkunu fidili lejn dak li nistqarru bil-fomm u ngħixuh fil-kuxjenza tagħna bl-għażliet li nagħmlu. 

Din ix-xhieda tmur lil hinn mill-martirju tal-qaddis martri, l-għaliex il-martirju tiegħu jixhed ħajja meqjusa mill-preżenza ta’ Kristu fl-għażliet tal-kuxjenza li twassalna biex ngħixu dawn il-valuri: kelma ta' ħlewwa fl-imħabba, ix-xirka fl-Ispirtu, ħniena u mogħdrija, fehma waħda, u ruħ waħda u ħsieb wieħed, ferħ frott l-Ispirtu, umilta’, mhux il-pika u l-ftaħir fieragħ fejn kull wieħed ifittex dak li jaqbillu imma aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù (Fil 2,1-5). 

Dan huwa possibli meta aħna, fi Kristu u ma’ Kristu, nxejjnu lillna nfusna kif għamel San Ġorġ li minkejja il-ktajjen, xandar l-kelma bil-kuraġġ u bla biża’ ta’ xejn (Fil 1,14).

Dan nagħmluh meta fi spirtu ta’ talb nimxu ma’ xulxin mingħajr il-bżonn tal-ġudizzju jew il-kundanna fejn id-dgħufija ssir okażżjoni biex nikbru flimkien mogħnija b’Kristu Ġesù. 

Aktar milli nippredendu li l-oħrajn jimxu bil-pass tagħna, aħna nadottaw il-passi tagħna għalihom b’tali mod li l-imħabba ta’ Ġesù jiddi f’ħajjithom permezz tax-xhieda tagħna.   

VI. IDENTITÀ

San Ġorġ jgħallimna li wieħed mill-perikli tal-mixja tagħna wara Ġesù tikkonsisti li din il-mixja tissaraf f’identità kulturali aktar milli konverżjoni hekk li huwa kellu l-kuraġġ li jmur kontra l-kurrent u jisfida l-imperatur għaliex l-identità tiegħu kienet indirizzata minn Ġesù.  

In-nisrani jimxi fuq żewġ saqajn u mhux fuq erbgħa: l-għan ta’ ħajjtu jifhem min huwa f’għajnejn Alla aktar mill-bniedem.

Faċli li nimitaw lill-oħrajn u l-fidi ssir biss identità partiġjana. 

Dan narawh meta lil San Ġorġ nagħmlu minnu skuża biex nibnu ħitan bejna u l-oħrajn – il-pika li bla ebda mod tixhed id-devozzjoni lejn il-patrun tagħna. 

Anzi, din il-pika tkasbar it-tifkira ta’ dan il-Martri, għax x-xhieda ta’ ħajjtu hija stqarrija ħajja ta’ kif Ġesù huwa l-pedament tal-magħmudija u r-rabta personali tagħna miegħu l-għaliex, “ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, mmutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.” (Rum 14,7-8) Għalhekk, wieħed jistaqsi lil min ngħaraf bħala l-ispirazzjoni ta’ ħajjti?

VII. L-GĦARFIEN

Dan l-għarfien jista’ jkun mument ta’ riflessjoni fejn ngħarblu s-sens tal-ispiritwalità li nħaddnu. 

Jekk aħna nixtiequ nimxu wara San Ġorġ bħala mudel ta’ spiritwalità, allura rridu nxejnu lilna nfusna biex b’hekk nifhmu l-vera tifsira ta’ Ġesù f’ħajjitna: il-ħmira li tgħajjixna fis-skiet (Mt 13,33-34). 

Ġesù jgħidilna, "Jiena hu ħobż il-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.” (Ġw 6,35)

L-Ewkaristija mhiex sempliċiment simbolu, imma l-preżenza vera ta’ Ġesù u għalhekk, kif jgħallimna l-Maġisterium, "Is-sagrifiċċju ewkaristiku huwa s-sors u l-quċċata tal-ħajja Nisranija." (Lumen Gentium II).

Għalhekk, jekk irridu nsaħħu l-mixja tagħna wara Ġesù għandna niddedikaw ħin fis-skiet quddiem it-tabernaklu: aktar milli nitkellmu, huwa ferm aktar importanti nisimgħu leħnu – id-dawl li jdawwal id-dlamijiet ta’ qlubna bil-ħniena ta’ qalb minfuda. 

Dan ifakkarni f’dak li qal San Ġwann Vianney: “Jien nintefa’ f’riġlejn it-Tabernaklu bħal kelb f’riġlejn Sidu”. Kliem dan il-qaddis huwa ndirizzat minn imħabba li titlobna nwieġbu: “Min għandu widnejn ħa jisma!” (Mt 11,15)

GĦELUQ 

Illum servina biex nifhmu aħjar l-ispiritwalità ġorġjana bħala mudel prattiku li jgħinna nikbru f’Ġesù il-maħbub tagħna, l-għaliex fil-qalb minfuda tiegħu qlubna jiksbu s-sliem. 

Martin


Comments

Popular posts from this blog

It-Tielet Jum

Tridu: L--Ewwel Jum